Riċentement sar restawr estensiv fil-Kappella ta’ Santa Luċija. Dan ir-restawr sar bl-inizjattiva tal-Fondazzjoni mwaqqfa minn Dr. Mario Rizzo Naudi.
Diversi individwi Għaxqin taw kontribut biex dan ir-restawr sar possibbli. Fost dawn kien hemm il-Kunsill Lokali Għaxaq li pprovda l-ħaddiema tiegħu fejn għamlu xogħol fil-ġewwieni ta’ din il-Kappella.
Dawn il-ħaddiema għamlu xogħol kbir ta’ kxif u invjar tal-ġebel b’mod speċjali tal-ħnejjiet fejn inġiebu għall-istat originali tagħhom. Saret tindifa u tibjida lis-Sagristija kif ukoll lill-istess Kappella.
Saru tiswijiet kbar fl-inkwadru tal-qaddisa u tindif u restawr ieħor fl-artal ta’ din il-kappella.
Il-Kunsill Lokali, filwaqt li jirringrazja lil kull min ta l-kontribut tiegħu (inkluż lill-ħaddiema tal-Kunsill) biex din il-Kappella reġgħet ġiet fl-istat oriġinali tagħha, iħeġġeġ lill-Għaxqin kollha biex iżuruha u jibżgħu għal dan il-wirt storiku tar-raħal tagħna.
L-akbar xogħol fil-kappella kien fl-arkati ta' l-istess binja. Dan sar mill-ħaddiema tal-Kunsill Lokali li ħadmu b'għaqal u sengħa kbira.